L-UE qed taġixxi kontra t-tniġġis tal-plastik. Mit-3 ta’ Lulju 2021, il-platti tal-plastik li jintużaw darba biss, il-pożati, l-istros, l-istekek tal-bżieżaq u l-cotton buds ma jistgħux jitqiegħdu fis-swieq tal-Istati Membri tal-UE. Barra minn hekk, l-istess miżura tapplika għall-kikkri, għall-kontenituri tal-ikel u tax-xorb magħmula minn polistiren espandut, u għall-prodotti kollha magħmula minn plastik ossodegradabbli.
Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss huma magħmula kompletament jew parzjalment mill-plastik u huma tipikament maħsuba biex jintużaw darba jew għal perjodu qasir ta’ żmien qabel ma jintremew. Skont ir-regoli l-ġodda, ċerti prodotti tal-plastik li jintremew li għalihom jeżistu alternattivi huma pprojbiti. Ġew introdotti wkoll miżuri speċifiċi biex jitnaqqas l-użu ta’ ċerti prodotti.
Għaliex l-UE qed tindirizza l-iskart tal-plastik?
Aktar minn 80 % tal-iskart tal-baħar huwa plastiks. Il-plastik jakkumula fl-ibħra, fl-oċeani u fuq il-bajjiet fl-UE u madwar id-dinja. Ir-residwi tal-plastik jinsabu fl-ispeċijiet tal-baħar – bħall-fkieren tal-baħar, il-foki, il-balieni u l-għasafar, iżda wkoll fil-ħut u fil-frott tal-baħar, u għalhekk fil-katina alimentari tal-bniedem.
Filwaqt li l-plastiks huma materjal konvenjenti, utli u li jistgħu jiġu vvalutati, dawn jeħtieġ li jintużaw, jintużaw mill-ġdid u jiġu rriċiklati aħjar. Meta jiġu skartati, l-impatt ekonomiku tal-plastiks jinkludi mhux biss il-valur ekonomiku mitluf fil-materjal, iżda wkoll l-ispejjeż tat-tindif u tat-telf għat-turiżmu, għas-sajd u għat-tbaħħir.